Valletta kienu megħluba minn Sliema Wanderers 3-1 li kienu qed jerġgħu jirbħu wara żewġ telfiet. B'din it-telfa Valletta tilfu t-tieni post. Il-logħba ħadet żvolta fit-tieni taqsima, l-iżjed wara t-tkeċċija ta' Gilbert Agius għaliex fl-ewwel taqsima Valletta attakkaw bla ma kkonkludew waqt li Sliema bdew joperaw bil-kontra-attakki.
It-tieni taqsima fetħet bi Sliema jmorru fil-vantaġġ wara żewġ minuti b'goal tal-opportunist Ivan Woods wara xogħol tajjeb ta' Alex Muscat. Minuta wara Sliema kienu sfortunati li Pedrinho laqat il-lasta. Fid-59 minuta r-referee Paul Caruana keċċa lil Gilbert Agius għal daħla minn wara.
Bi player inqas Valletta ġabu d-draw fis-66 minuta permezz ta' Priso. Iżda fil-81 minuta Sliema marru mill-ġdid fil-vantaġġ wara azzjoni personali ta' Jean Pierre Mifsud Triganza li qabeż ukoll lill-goalkeeper qabel ikkonkluda fix-xibka.
Fil-ħin miżjud Sliema aċċertaw mir-rebħa bit-tielet goal skurjat mill-istess Mifsud Triganza wara li l-ewwel xutt ta' Ivan Woods ma kienx ikklerjat. Il-BOV Player tal-Logħba kien Doding Priso.