Michael Mifsud u Francesca Xuereb kienu vvutati Sportiv u Sportiva tas-Sena għall-2007 fl-Għażliet Sportivi Nazzjonali 2007 organizzati mill-Għaqda Kittieba Sport.
Kienet serata memorabbli għall-Football Malti hekk kif barra Michael Mifsud, il-President tal-MFA l-Avukat Joe Mifsud ingħażel bħala Uffiċjal tas-Sena waqt li t-team Nazzjonali A mmexxi minn Dusan Fitzel ġie magħżul bħalaTeam tas-Sena.
Michael Mifsud ingħata l-aktar preferenzi għas-suċċess li qed jikseb ma' Coventry City FC f'The Championship fl-Ingilterra. Mifsud kien skorer prolifiku mat-tim u matul l-2007 se jibqa' jissemma għaż-żewġ goals li skorja fil-League Cup fejn Coventry eliminaw lil Manchester United f'Old Trafford. Mifsud li s-Sibt ukoll skorja fl-FA Cup sar għażla awtomatika ma' Coventry u fit-team nazzjonali Malti mmexxi minn Dusan Fitzel.
L-Isportiva tas-Sena hi l-atleta żagħżugħa Francesca Xuereb li għandha rekord nazzjonali fl-400 metru (55.10 sek) miksub fil-World Youth Games f'Ostrava, Champion nazzjonali tal-400 metru u midalja tal-fidda fl-400 m u bronż fir-relay 4x400 metru fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar ta' Monaco. Hi temmet fir-raba' post tal-European Youth Olympic Games Festival u daħlet fl-istorja meta flimkien ma oħtha ħadet parti fil-finali tal-400 m fil-World Youth Championships. Ħadet sehem ukoll fil-European Cup 2nd League Group A f'Zenica. Barra dan l-unur Francesca Xuereb ingħażlet ukoll Atleta tas-Sena 2007 taħt is-17-il sena.
Rebħa oħra għall-Football lokali f'sena metal-MFA iċċelebrat il-50 anniversarju mid-debutt tat-team nazzjonali, il-President tal-MFA l-Avukat Joe Mifsud ġie magħżul bħala Uffiċjal tas-Sena. Fl-2007 Mifsud reġa' ġie elett għal term ieħor fil-Kumitat Eżekuttiv tal-UEFA, fejn issa ilu 13 il-sena. Jokkupa wkoll kariga f'diversi sotto kumitati fi ħdan il-UEFA.
Matul l-2007 Mifsud reġa' ġie elett bħala President tal-Malta Football Association fejn issa ilu f'din il-kariga mill-1992.
Bħala t-team tas-sena ngħażel it-TeamNazzjonali A tal-Football. Immexxi minn Dusan Fitzel, bejn Jannar u Diċembru 2007, lagħab 12-il partita internazzjonali li minnhom kiseb tlett draws 1-1 f'partiti ta' ħbiberija kontra l-Awstrija u draws oħra 1-1 kontra l-Moldova u 2-2 kontra t-Turkija fir-round ta' kwalifikazzjoni tal-Euro 2008.
Għal dawn l-għażliet ivvutaw 73 ġurnalist li minnhom 22 huma edituri/ko-ordinaturi ta' programmi radju/TV - membri tal-Bord tal-Għażla, Eżekuttiv GħKS. L-għadd tal-voti tmexxa minn Dr. Stephen Zammit LL.D
Mario Meli ingħata rikonoxximent għal-ħidma matul il-karriera fejn għen mhux biss ghall-iżvilupp tal-ġurnaliżmu sportiv iżda wkoll ta kontribut fl-iżvilupp ta' l-isport Malti.
Din is-sena l-GħKS tat ukoll rikonoxximent lil dik l-assoċjazzjoni li matul l-2007 organizzat attivita` fuq livell internazzjonali. Dan l-unur mar għand il-MAAA li organizzat il-Calendar Conference tal-European Athletic Association.
Ir-riżultati kollha kienu dawn:
SPORTIV TAS-SENA
1. Mifsud Michael - Football - 377pt
2. Gilford Darren - Atletika - 264
3. Curmi Gary - Drag Racing - 196
4. Spiteri Mark - Ten Pin Bowling - 171
5. Portelli Nikolai – Atletika - 153
SPORTIVA TAS-SENA
1. Xuereb Francesca - Atletika - 291
2. Bezzina Marcon -Judo - 284
3. Attard Charlene - Atletika - 261
4. Abela Sue - Ten-pin Bowling - 163
5. Camilleri Joanne - Judo 152
TEAM TAS-SENA
1. Football - Nazzjonali A - irgiel - 285
2. Rugby - Nazzjonali A - nisa - 259
3. Basketball -Nazzjonali - nisa Uċ18 - 241
4. Snooker - Nazzjonali Masters - 212
5. Squash - Nazzjonali A - nisa - 187
UFFIĊJAL TAS-SENA
1. Mifsud Dr. Joseph – Football - 273
2. Chircop Anthony – Atletika - 261
(kiseb 31 preferenza x 5)
3. DeBono Anthony - Tiġrijiet taż-Żwiemel - 261
(kiseb 22 preferenza x 5)
4. Camilleri Terry – Snooker - 223
5. Micallef Marvic – Volleyball - 142
ATLETA TAĦT IS-17 IL-SENA
1. Xuereb Francesca - Atletika - 322
2. Borg Benji - Ibburdjar - 298
3. Xuereb Martina - Atletika - 229
4. Borg Jean - Ibburdjar - 202
5. Sultana Colette – Squash - 137