minn Roderick Vella replay@nettv.com.mt
Premiership Ingliż jew Serie A? Liema hu l-aqwa? Dik kienet id-domanda prinċipali għad-diskussjoni fil-programm Replay tal-Ħadd li għadda. Fuq naħa Antoine Portelli u Mario Mifsud, supporters ta’ Inter u Juventus rispettivament, “għedewwa” fis-Serie A, “ħbieb” meta jidefendu il-futbol Taljan. Fuq in-naħa l-oħra is-supporter ta’ Chelsea Richard Micallef, u il co-producer tal-programm u supporter ta’ Liverpool, George Micallef.
Kulħadd qabel li mhux faċli tindika liem hu l-aqwa u l-isbaħ kampjonat. U fl-aħħar mill-aħħar xi tfisser l-isbaħ? xi tfisser l-aqwa? Fuq liema bażi wieħed jista jiġġudika? Hemm bosta fatturi. Il-mistiedna qabblu li il-futbol Ingliż hu iktar veloċi, fih aktar ritmu, allura forsi hu iktar divertenti.
Ma ddumx ma tasal ir-risposta ta’ Antoine Portelli, skond hu, nies li jħobbu u jifhmu fil-logħba tal-futbol għandhom isegwu is-Serie A għax hi logħba tattikament aħjar, grazzi għal-kowċis bravi li hemm. U hawn kien hawn kunsensus.
Għalxiex il-prodott Ingliż jinbiegħ aktar? Richard Micallef kwota u qal li partita fl-Ingilterra tintwera f’aktar min mitejn pajjiż. Is-Serie A fi 28 biss. Għalxiex? Fattur importanti, forsi l-iktar importanti, huma il-grawnds. L-istejdjum Ingliż bla dubbju ta’ xejn hu iktar ta’ kwalita’, iktar komdu, u għall-Ingliżi li tmur tara logħba futbol hija ħarġa għall-familja kollha. Fl-Italja dan mhux minnu, u għalhekk il-vjolenza tiżdied, bil-fenomenu ta’ l-Ultras, u inqas nies jitilgħu bi ħġarhom lejn il-grawnd. Kif qal Muscat, jekk post jilqak u jkun akkoljenti, iktar hemm ċans li tibża għalih u tagħmel inqas ħsara. It-timijiet Ingliżi, għalkemm għandhom id-dejn, huma “business models”. It-timijiet tas-Serie A, le.
Fit-tieni parti tal-programm ġew diskussi il-kampjonat Ingliż u Taljan rispettivament. Richard Micallef bħala supporter ta’ Chelsea jidher sodisfatt s’issa bl-andament taċ-Chelsea. Ancelotti jikkonvinċih għax f’kull partita jidher li dejjem għandu “il-pjan B” u għandu rapport tajjeb mal-plejers.
Ma jistax jonqos li George Micallef jagħmel analiżi ta’ x’hemm ħażin fil-klabb tal-Liverpool dan l-istaġun. Skond Micallef hemm diversi fatturi għal dan il-bidu ta’ staġun xejn sodisfaċenti għar-reds, speċjalment l-injuries ta’ żewġ pedini fundamentali bħal Gerrard u Torres, is-sinsla tat-tim. Ċertament għadu jinħass in-nuqqas ta’ Xabi Alonso, li l-istaġun li għadda wera kemm kien importanti għall-Liverpool. Allura il-kowċ Benitez ma jaħti xejn? Kowċ ma jkunx tajjeb u jsir ħażin f’temp ta’ staġun, pero’ forsi l-għażla min naħa ta’ Rafa Benitez li jakkwista lil Alberto Aquilani ma kinitx l-aħjar soluzzjoni għat-tim ta’ Anfield. Mhux għax it-Taljan hu plejer ħażin, imma għax għadu qed jirkupra min injury twila.
Inter, Juventus u Milan ma setgħux jonqsu milli jiġu diskussi fil-programm. B’Jose Mourinho fiċ-ċentru ta’ l-attenzjoni anke f’dan il-programm, proprju bħalma jiġri fil-programmi sportiv fl-Ingilterra u fl-Italia. U fuq kollox hija ħaġa mistennija, meta dan għandu kuntratt ta’ 11-il miljun ewro fis-sena mal-klabb tiegħu Inter! Skond Mifsud, forsi ta’ juventin li hu, il-Portugiż tajjeb biss għal quddiem l-istampa. Antoine Portelli u Richard Micallef jiddefendu lil Mourinho u jgħidu li mhux veru jkun falliment jekk l’Inter dan l-istaġun ma jieħdux il-Uefa Champions League.
Milan u Juventus għadhom inkonjita kbira, speċjalment ħabba iż-żewġ kowċis li għandhom. Leonardo u Ciro Ferrara. Fl-ewwel staġun tagħhom, huma bravi biżżejjed biex iwaqqfu il-ġenju Mourinho? U fl-aħħar mill-aħħar għandhom tim b’saħħtu biżżejjed biex jiġġieldu għall-Iscudetto u għaċ-Champions league?
Kif qal Richard Micallef fil-bidu tal-programm, fil-futbol ma tistax tkun oġġettiv, għax futbol huwa passjoni. U forsi għalhekk li ħafna domandi fil-programm ma kellhomx risposta ċerta. Żgur li aħna il-Maltin fuq hekk qatt ma nistgħu naqblu, Premiership jew Serie A? Te jew cafe’?