LOGĦOB TAL-MEDITERRAN
Fidda storika għal William Chetcuti
Ifalli d-deheb għal plattina waħda biss
Chris MUSCAT
1 ta' Lulju, 2009 18:40 CET
It-tiratur Malti William Chetcuti rebaħ midalja tal-fidda storika fil-Logħob tal-Mediterran f'Pescara fl-Italja meta spiċċa fit-tieni post fil-kompetizzjoni tad-Double Trap, plattina waħda biss anqas mir-rebbieħ. Chetcuti li kien l-akbar tama tal-Maltin għal rebħ ta'midalja f'dan il-logħob ma ddiżappuntax u falla midalja tad-deheb storika għal plattina waħda biss.
Madankollu dan kien l-aqwa riżultat qatt miksub minn atleta Malti fl-istorja ta' dan il-logħob fejn sentejn ilu f'Almeria Chetcuti kien rebaħ midalja tal-bronż. Chetcuti kellu bidu tajjeb fejn wara l-ewwel tliet rounds laqat darbtejn 46 minn u 48 plattina minn 50 għal total ta' 140 plattina mill-ewwel 150. Qabel il-barage finali, Chetcuti daħal fit-tieni post ħames plattini taħt it-Taljan Daniele Di Spigno li laqat 47, 49 u 49 għal total ta' 145 plattina waqt li fit-tielet post b'erba' plattini anqas minn Chetcuti kien hemm Taljan ieħor, Francesco D'Aniello li laqat 43, 48 u 45għal total ta' 140.
Fil-barrage finali Chetcuti kien l-aktar tiratur preċiż mill-ewwel tlieta fejn kien għoddu għamel straight meta l-aħħar plattina deher li daħħnet ftit imma r-referee ġġudika li din ma kenitx intlaqtet u tah punteġġ ta' 49. Finalment irriżulta li l-aħħar plattina kienet deċiżiva għall-midalja tad-deheb. B'hekk Chetcuti temm b'total ta' 189 plattina minn 200. Di Spigno fil-barage laqat 45 plattina u spiċċa b'total ta' 190 plattina.
Ta' min jgħid li Di Spigno kellu wkoll ir-rekord tal-logħob kemm tal-ewwel tliet rounds kif ukoll tal-finali meta kien laqat total ta' 187 minn 200 plattina f'Bari fl-Italja fl-edizzjoni tal-1997. Dan ir-riżultat iżda kien superat mill-istess tiratur li waqqaf rekord fil-kwalifki ta' 145 u rekord ieħor fil-finali ta' 190. D'Aniello finalment żamm it-tielet post u rebaħ il-midalja tal-bronż meta fil-barrage laqat 44 għal total ta' 180 plattina.
Farrugia fit-12-il post
Intant fil-kompetizzjoni Skeet iddebutta wkoll f'dan il-logħob it-tiratur l-ieħor Malti Clive Farrugia li fl-ewwel tliet rounds ta' 25 plattina l-wieħed laqat 22 fl-ewwel round fejn deher ukoll fi ftit eċċitat imma rkupra tajjeb u laqat 24 u 23 fiż-żewġ rounds ta' wara għal total ta' 69 minn 75 plattina. Huwa jinsab fit-12-il post flimkien mat-Tork Huseyin Bahcivan.
Eċċezzjonali kienu ċ-Ċiprijott Georgios Achilleos li għandu r-rekord tal-kwalifika b'122 plattina u l-Grieg Nikolas Mavrommatis li fl-ewwel tliet rounds għamlu tliet straights kull wieħed u jinsabu fl-ewwel post b'75 plattina minn 75 plattina. Huma jinsabu segwiti minn tliet tiraturi oħra li fallew plattina waħda biss u laqtu 74 kull wieħed. B'kollox qed jieħdu sehem 20 tiratur f'din il-kompetizzjoni li tkompli llum b'żewġ rounds oħra ta' kwalifikazzjoni u barrage finali.